Jitolbu biex il-membri tal-Korp ikollhom polza ta’ assigurazzjoni

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija Maltija (MPA) kkundannat l-inċidenti li ġraw fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet meta membri tal-Korp tal-Pulizija, weġġgħu waqt il-qadi tad-doveri tagħhom.
L-MPA qalet li ilha żmien twil tinnota u tiġbed l-attenzjoni li qed jiżdiedu l-inċidenti vjolenti kontra membri tal-Korp. 
Bejn nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda, żagħżugħ min-Nadur ħebb għal Surġent waqt festin fil-bajja tar-Ramla waqt li s-Sibt filgħaxija Surġent ieħor weġġa’ waqt argument f’San Ġiljan.
Sostniet li x-xogħol tal-Puliżija sar wieħed mill-iktar xogħlijiet li fih iweġġgħu nies matul is-sena fuq il-post tax-xogħol u li ma teżisti ebda polza ta’ assikurazzjoni biex tagħmel tajjeb għad-danni li jsofru l-membri tal-Korp.
L-Assoċjazzjoni qed tistenna li l-persuni li ħebbew għall-pulizija, jingħataw piena li tirrefletti l-gravità tal-każ.  Dan hekk kif kien hemm bdil fil-Liġi u ħraxu l-pieni u ġiet introdotta multa tassattiva għal min jattakka lill-pulizija.
L-MPA saħqet li se tibqa’ tistinka sakemm issir ġustizzja mal-membri tagħha u jkollhom ukoll polza ta’ assigurazzjoni.
Irrimarkat ukoll li membru tal-Korp ma jiġix ikkumpensat tal-ispejjeż mediċi li jagħmel u tax-xogħol li jkun tilef minħabba inċidenti simili.