Jitolbu azzjoni dwar min xekkel il-ħidma tal-ġurnalisti fl-Imsida

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jistenna li jittieħdu passi kontra min xekkel il-ħidma tal-ġurnalisti fl-inċidenti tal-bieraħ.
Fi stqarrija, l-IĠM qal li “għal darb’oħra membri tal-midja reġgħu ġew imfixxkla milli jagħmlu xogħolhom waqt protesta organizzata mill-Għaqda Patrijotti Maltin.
Irrefera għall-persuna li kienet qed tieħu sehem fil-protesta, li xekklet ix-xogħol tal-ġurnalisti u cameraperson.
Filwaqt li jikkundanna bil-qawwa kollha din l-imġiba repetittiva li thedded il-libertà tal-ġurnalisti, l-IĠM jinnota b'mod pożittiv l-azzjoni li ħadet il-Pulizija bl-arrest tal-persuna involuta.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jistenna lill-awtoritajiet konċernati biex jieħdu l-passi għax meta jixxekkel ix-xogħol tal-membri tal-midja, tkun qed tinkiser il-liġi Maltija li tisħaq fuq il-libertà tal-istampa.
L-IĠM reġa’ ħa l-opportunità li jressaq ‘il quddiem il-proposta li diġà ressaq lill-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex f’okkażjonijiet bħal dawn, ikun hemm uffiċjal tal-pulizija assenjat mal-membri tal-midja, anke bħala punt ta’ referenza.
Ritratt: inews