Jitnieda programm biex l-artisti żgħar jikbru

Tnieda l-programm il-ġdid Artivisti, li l-għan tiegħu se jkun primarjament li jgħin lil artitsti żgħar jidentifikaw u jiżviluppaw it-talent tagħhom.
L-artisti li jintgħażlu għal dal-programm se jibbenefikaw minn opportunitajiet, anki dawk finanzjarji, għal sena.
Fost l-oħrajn, għotja ta’ €2,000 sabiex tintuża għall-iżvillup kreattiv u personali tagħhom, servizzi ta’ tutur professjonali li jagħtihom appoġġ fil-karriera artistika tagħhom, parteċipazzjoni f’artist-in-residency, u opportunitajiet ta’ networking ma’ parteċipanti oħra fil-programm.
Barra minn hekk, il-parteċipanti f’Artivisti jkollhom iċ-ċans li f’edizzjonijietn ġejjiena tal-programm ikunu huma nfushom ta’ għajnuna għal artisti prospettivi oħra.
Il-programm tnieda mill-Kunsill Malti għall-Arti u Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-89.7 Bay, u dan tal-aħħar jkun qiegħed iżomm lis-semmiegħa aġġornati bix-xogħol li jkunu qed isir mill-artisti emerġenti.
Waqt it-tnedija attenda l-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, li qal li l-Gvern kommess li jgħin liż-żgħażagħ sabiex ikattru t-talent tagħhom u jitjieb il-prodott lokali.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagġ, Clifton Grima, qal li dal-programm se jħalli legat warajh għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Finalment, Id-Direttur Eżekuttiv t’Agenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, ħeġġet aktar artisti bejn is-16 u l-25 li għandhom talent, iħaddnu passjoni lejn l-arti u impenn sabiex jissottomettu nominazzjoni.
Aktar informazzjoni dwar il-programm Artivisti tista’ tinstab fuq is-sit www.artscouncilmalta.com jew www.agenzijazghazagh.gov.mt.
In-nominazzjonijiet jistgħu jintbgħatu sat-28 ta’ Settembru 2017.