Jitnieda proġett kollaborattiv biex jitħarsu dokumenti storiċi

Tnieda programm ta’ diġitalizzazzjoni awdjo-viżiva sabiex jiġi ppreżervat il-wirt orali u kollezzjonijiet oħra ta’ ċerta importanza kreattiva.
Seba’ organizzazzjonijiet qed jaħdmu flimkien sabiex il-kwalità tal-ħoss, tal-istampa u tal-filmat ta’ dawn if-dokumenti miżmuma f’ħafna dipartimenti tal-Gvern u s-settur pubbliku ma jintilfux. Dawn huma l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, l-Awtorità tax-Xandir, id-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Malta Libraries, l-MCAST, l-Università ta’ Malta, u l-PBS.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li filwaqt li l-programm se jkun qed jitmexxa mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, ix-xogħol se jkun qed isir b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni M3P.
Il-proġett huwa immirat prinċipalment sabiex jikkonsolida, jew jibdel fi stat konkret, dak il-wirt storiku Malti li mhux dejjem ikun konkret, ngħidu aħna fi ktieb. Eżempju ewlieni huwa l-għana, jew kitbiet li jmorru lura sas-Seklu 15, u l-kwalità tal-karta tmermret.
L-Arkivista Nazzjonali, Dr Charles Farrugia, enfasizza l-bżonn ta’ proġett simili, filwaqt li ħabbar li xi xogħol milli se jkun ippriżervat se jkun ukoll miftuħ għall-pubbliku b’katalgu onlajn immexxi mill-Arkivju Nazzjonali.
Ritratt: Il-Kantilena ta' Pietru Caxaru, l-eqdem kitba bil-Malti sa issa c. 1450