Jitnieda mill-ġdid il-Premju Servizz bi Tbissima

Tnediet it-tielet edizzjoni tal-inizjattiva Premju Servizz bi Tbissima.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista u ċ-Ċerperson tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur Helga Pizzuto qalu li l-iskop ta’ dan il-premju hu li jirrikonoxxi d-dedikazzjoni u x-xogħol ta’ dawk il-bejjiegħa li jagħmlu ħilithom biex joffru l-aqwa prodotti u servizzi lill-klijenti tagħhom kemm qabel ma jiġi konkluż ix-xiri kif ukoll wara.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista fakkar li din kienet inizjattiva li l-Gvern ħoloq fl-2015 biex tissaħħaħ il-fiduċja u r-relazzjoni tajba bejn min jixtri u min ibigħ, u biex in-negozji jsiru iktar consumer friendly.
 Waqt it-tnedija tal-premju ġie mfakkar li dan għandu marbut miegħu kompetizzjoni u bħall-edizzjoni li għaddiet, din is-sena l-konsumaturi se jkunu qed jivvutaw skont numru ta’ kriterji għall-bejjiegħ jew għall-istabbiliment li jħossu li qed joffrilhom l-aqwa servizz.
Il-kategoriji għall-premju ta’ din is-sena huma:

  • Bejjiegħa lokali li joffru xiri online
  • Negozji li jaħdmu fil-qasam tal-ivvjaġġar
  • Ħwienet li jbigħu apparat elettroniku u oġġetti tad-djar
  • Supermarkets u minimarkets
  • Ħwienet li joffru servizzi fil-qasam tal-moda u tas-sbuħija

Il-konsumaturi jistgħu jivvutaw aktar minn darba, anke fl-istess kategorija, iżda mhux għall-istess bejjiegħ. Il-votazzjoni għandha ssir permezz tal-paġna tal-Facebook u permezz tas-sit elettroniku.
Il-konsumaturi għandhom ukoll josservaw kodiċi ta’ kondotta waqt il-votazzjoni.
Pizzuto spjegat li l-ħames rebbieħa se jittellgħu bix-xorti b’sistema awtomatika.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri