Jitnieda l-programm għall-festival diġitali innovattiv Science in the City

Read in English.

Għadu kemm tħabbar il-programm tal-festival Science in the City, jew kif inhu magħruf bil-Malti ‘Ix-Xjenza fil-Belt 2020’ (SitC). Din id-disa’ edizzjoni se tkun totalment differenti minn dawk ta’ qabel. Din is-sena, il-festival se jinvolvi lill-udjenzi b’modi ġodda, iħeġġeġ il-ħsieb kritiku iżda b’mod kreattiv, u jippermettilhom ikunu ċittadini attivi b’mod dirett. U dan kollu mis-sigurtà ta’ darhom stess. Dan tħabbar mill-organizzaturi fit-2 ta’ Novembru waqt konferenza tal-aħbarijiet virtwali li saret b’mod dirett onlajn. Matulha, huma ħabbru l-kalendarju tal-avvenimenti li se jsiru qabel, kif ukoll il-programm uffiċjali tal-festival innifsu.

Il-festival estiż se jkun mifrux mill-Ħamis 12 sal-Ħadd 29 ta’ Novembru, b’avvenimenti interessanti ta’ qabel il-festival ippreżentati bejn it-12 u s-26 ta’ Novembru permezz tal-midja soċjali tax-Xjenza fil-Belt. Dan se jsir bi tħejjija għall-avvenimenti diġitali matul il-weekend kollu mill-Ġimgħa 27 sal-Ħadd 29 ta’ Novembru.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet ippreżentata mill-Koordinatur tal-Festival Dr Edward Duca, u indirizzata mill-Kap Eżekuttiv tal-PBS is-Sur Charles Dalli, il-Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta il-Professur Saviour Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ TrustStamp is-Sur Gareth Genner, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali, l-Onor. Clayton Bartolo, u x-xjenzata u kollaboratriċi tal-festival, Alina Ivan.

F’din l-edizzjoni se jkun hemm aktar modi kif persuna tgawdi l-festival ta’ din is-sena. Mit-12 sas-26 ta’ Novembru, se jkun hemm firxa ta’ avvenimenti interessanti ta’ qabel il-Festival li jistgħu jitgawdew mill-familja kollha. Fl-ewwel escape room onlajn li qatt saret f’Malta, maħluqa minn GreenHouse u BiOrbic, l-udjenza se tkun qed tgħin lir-riċerkaturi jsolvu indikazzjonijiet u puzzles li jistgħu jsalvaw lid-dinja mill-effetti devastanti tal-bidla fil-klima. CineXjenza se jkun qed jippreżenta sensiela ta’ films li jittrattaw suġġetti mill-anzjanità sas-saħħa mentali, bl-opportunità li l-pubbliku jidħol f’diskussjonijiet diretti ma’ esperti f’dawn l-oqsma. L-udjenzi għandhom iċ-ċans li jesperjenzaw xi ħaġa ftit iktar ‘skura’, billi jidħlu f’dinja li hi ‘maqbuda bejn il-mirja’. The Mirror Trap tagħti l-opportunità lill-parteċipanti kuraġġużi biex jiddiskutu mar-riċerkaturi u l-ideatur ta’ din l-esperjenza tal-biża, propju l-esperjenza li jkunu għaddew minnha meta rawha. Ix-Xjenza fil-Belt assigurat li jkollha xi ħaġa għal kulħadd.

Feedback Loops ta’ Alina Ivan, Dan Whimpers, u Anna Spink

Għall-weekend tal-festival, l-organizzaturi qed iħejju live stream onlajn fuq tlett ijiem u b’għażla ta’ attivitajiet irrekordjati minn qabel. Ix-xandira diretta se jkollha wirjiet speċjali tat-teatru minn artisti bħal Angele Galea f’ “Jumping Genes”, li tindirizza kwistjonijiet li jiffaċċjaw in-nisa fil-karrieri STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) tagħhom, kif ukoll il-vjolenza domestika. Dawn huma kollha bbażati fuq stejjer veri u riċerka attwali. Alina Ivan se tkun qed turi l-video tagħha, Feedback Loops, u tħares lejn kif it-teknoloġija li tintlibes mill-bnedmin tista’ ssegwi bidliet fil-persuna umana relatati mad-depressjoni, l-epilessija u l-isklerożi multipla. Alina Ivan tittama li “bl-ispettaklu tagħha jinħoloq aktar għarfien dwar dawn it-tliet kundizzjonijiet. Ħafna sintomi ta’ kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali u fiżika huma inviżibbli. Aħna nemmnu li ż-żfin, il-mużika u d-dejta fiżjoloġika għandhom il-potenzjal li jiżvelaw dak li spiss ikun diffiċli li jingħad bil-kliem.” Malcolm Galea se jkun qed jivvjaġġa lejn il-futur u jikkontempla kif il-kunċett tal-umanità seta’ jkun inbidel. Dawn l-avvenimenti joħolqu dik it-taħlita karatteristika ta’ xjenza u arti ta’ dan il-Festival, fejn se jkun hemm diversi opportunitajiet għall-udjenzi biex jitkellmu  mal-artisti, jisimgħu lir-riċerkaturi jiddiskutu aspetti tax-xjenza li jkunu qed jirriċerkaw, u jistgħu anki jistaqsu ħafna mistoqsijiet. Jekk dan mhux biżżejjed, allura minbarra l-festival interattiv onlajn fejn il-parteċipanti jistgħu jidħlu f’diskussjonijiet ma’ esperti u riċerkaturi, il-websajt ta’ Science in the City se jkollha diversi vidjows u attivitajiet divertenti oħra għall-udjenzi tagħha.

Il-verżjoni diġitali tax-Xjenza fil-Belt għandha l-għan li tressaq lill-membri tal-udjenza flimkien u eqreb lejn id-dinja xjentifika, mill-kumdità u s-sigurtà ta’ djarhom madwar Malta, kif ukoll lil hinn minnha. Dr Edward Duca qal: “Il-festival ta’ din is-sena hu mimli b’attivitajiet u avvenimenti. Aħna ddeċidejna li, minħabba s-sitwazzjoni attwali tal-Covid-19,  minflok avveniment fiżiku nagħmlu minn dan il-festival wieħed rinomat f’forma diġitali. Issa, kull ma jonqos hu biss li naqsmu dan l-entużjażmu u l-viżjoni interessanti tagħna magħkom ilkoll.”

Alina Ivan qalet, “Issa li l-festival se jsir kollu onlajn, aħna lesti biex anki nilħqu udjenzi internazzjonali u nibdew konversazzjonijiet importanti dwar il-benesseri u s-saħħa mentali bħala parti mid-diskussjonijiet li ser ikollna.”

Biex tibda tippjana l-esperjenza tal-festival tiegħek, tajjeb li l-persuna żżur il-websajt ta’ Science in the City għax Novembru se jkun xahar memorabbli.

Ix-Xjenza fil-Belt hi parti mil-Lejla tar-Riċerkaturi Ewropej, ċelebrazzjoni li ssir madwar l-UE kollha. Hu ffinanzjat mill-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Horizon 2020 tal-Unjoni Ewropea (taħt il-ftehim ta’ għotja Nru 955263), u numru ta’ sponsors korporattivi. Hu rrikonoxxut ukoll bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE).

Il-konsorzju Science in the City hu mmexxi mill-Università ta’ Malta u l-Kamra tax-Xjentisti ta’ Malta, bi sħubija mas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali, TrustStamp, Malta Enterprise, MCAST, Greenhouse, Qualia Analytics, Esplora, BPC International, MEUSAC, PBS, Spazju Kreattiv, Aquabiotech, The Environment Resource Agency, Energy Water Agency, Malta Council for the Voluntary Services, More or Less Theatre, Storm Design u Kreattiv tal-Malta Arts Council.

Għal aġġornamenti regolari, jekk jogħġbok segwi l-paġna ta’ Facebook tal-festival: www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta | Twitter: @SciCityMalta | Instagram: @scicitymalta | TikTok: @ScienceintheCityMalta | Websajt: scienceinthecity.org.mt

Din il-komunikazzjoni tirrifletti l-opinjoni tal-awtur u l-Kummissjoni Ewropea mhijiex responsabbli għal kwalunkwe informazzjoni li jkun fiha.