Jitnieda l-Premju Soċjetà Ġusta 2019

L-għan tal-Premju Soċjetà Ġusta huwa li jiġu ċċelebrati l-kisbiet tal-individwi u ta’ organizzazzjonijiet li jappoġġjaw kultura ta’ iżjed drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva nieda l-Premju Soċjetà Ġusta. Huwa saħaq li permezz ta’ dan il-premju wieħed jista’ jara l-għaqda sabiex jintlaħaq għan wieħed; dik ta’ soċjetà ġusta.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna se jkun qed imexxi l-bord tal-għażla. Huwa spjega li dan il-premju se jingħata lil min verament jimmeritah.

Din is-sena hemm ħames kategoriji li l-pubbliku jista’ jinnomina għalihom persuni li jixirqilhom dan il-premju. Il-kategorijii huma premju soċjetà ġusta 2019, premju għal kisba tul il-ħajja fis-settur tad-diżabilità, premju għal ħidma fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, premju parteċipazzjoni attiva fl-isport, arti u kultura u premju għal kumpanija li topera mod inklussiv.

Il-bord tal-għażla se jkun magħmul mill-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna; il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi, Olivia Farrugia li tmexxi d-Diviżjoni tal-Inclusive Employment Services f’Jobsplus; u Brandon Pisani.

L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-uffiċini tas-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, mill-kunsilli lokali jew minn fuq is-sit www.activeageing.gov.mt. L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu sal-15 ta’ Novembru. Wieħed jista’ jibgħat l-applikazzjoni tiegħu fuq l-indirizz elettroniku socjetagusta@gov.mt jew bil-posta fuq l-indirizz: 310, Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Palazzo Ferreria, l-Belt Valletta.