Jitnieda l-filmat ta’ Coming Home

Għadu kemm ġie mniedi l-filmat uffiċjali tal-kanzunetta Coming Home li se tirrapreżenta lil Malta fit-8 ta' Mejju waqt il-Festival Ewroviżiv ta' din is-sena.  Kif jidher fil-filmat, din is-sena dak li se jservi ukoll ta' kartolina pubbliċitarja għal Malta nħadem f'partijiet differenti tal-gżejjer Maltin fosthom ix-Xgħajra, Delimara, Ħad-Dingli, Ta' Qali u d-Dwejra (Malta). 

Ma' Newsbook.com.mt il-kantant u l-awtur tal-kanzunetta Richard Edwards spjega kif il-kanzunetta Coming Home kitibha sentejn ilu meta ħabiba Amerikana tiegħu li għaddiet minn perjodu ta' mard serju, għenitu jifhem kemm hu sabiħ li wieħed japprezza kull minuta mislufa lilu.  

Stqarr li din l-esperjenza għenitu jifhem kemm il-bniedem jista' jagħmel kuraġġ minkejja l-inkwiet u d-diffikultajiet kollha li jiltaqa' magħhom.  Allura stqarr li kien naturali li l-istorja tal-filmat tkun waħda mimlija emozzjonijiet qawwija l-aktar għaliex il-kliem tal-kanzunetta jkellem lil min għaddej minn perjodu diffiċli f'ħajtu u jipprova jagħmillu kuraġġ. 

Il-filmat iservi bħala tislima għal dawk milquta mill-gwerra. Ifakkar ukoll lil dawk li tul dawn l-aħħar mitt sena mill-bidu tal-ewwel gwerra baqgħu mitlufa u 'l bogħod mid-dar. Fil-filmat ġew inklużi sitt sitwazzjonijiet differenti li jirrikjedu determinazzjoni u ottimiżmu.
 
Il-poplu Malti hu mħeġġeġ ixerred il-filmat fuq l-internet mal-qraba u l-ħbieb li jgħixu barra minn Malta.