Jitnieda l-ewwel fond għal studji spazjali f’Malta

Tnieda fond nazzjonali ta’ €2 miljun biex ikun esplorat aħjar is-settur spazjali fil-kuntest Malti bejn dis-sena u l-2022.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Innovazzjoni, Silvio Schembri, qal li l-flus se jmorru l-aktar għal proġetti li jindirizzaw il-proċess u l-mod ta’ kif l-informazzjoni miġbura minn osservazzjoni tad-dinja permezz ta’ satelliti, tkun użata aħjar.
Intqal li dan hu l-ewwel fond tax-xorta tiegħu f’Malta u hu mmirat lejn benefiċjarji Maltin.
Schembri sostna li l-fond se jsaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Maltija u jistimula l-innovazzjoni u r-riċerka fuq livell nazzjonali, kif ukoll joħloq kooperazzjonijiet fuq livell internazzjonali.
Qal li d-diversifikazzjoni ta’ portafolji ta’ kumpaniji se tassigura ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u iżjed tkabbir ekonomiku li jwassal għall-prosperità taċ-ċittadini Maltin.
Preżenti waqt il-konferenza tal-aħbarijit kien hemm iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando, li qal li mill-iffirmar tal-ftehim ta’ kooperazzjoni mal-ESA, l-MCST sar responsabbli mill-koordinazzjoni u mill-governanza ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ispazju.
Se jingħataw fondi għal proġetti ta’ 20 xahar ta’ riċerka, fuq bażi ta’ kull sena b’sejħiet kompetittivi, u fondi għal proġetti b’użu ta’ immaġni minn satelliti fuq Malta biex ikunu indirizzati aħjar l-isfidi nazzjonali.
Il-fond hu inizjattiva nazzjonali b’appoġġ mill-Aġenzija Ewropea Spazjali u hu possibbli permezz ta’ ftehim li seħħ f’Marzu.
Is-sejħa għall-proposti nfetħet illum u se tibqa’ miftuħa għat-8 ġimgħat li ġejjin.
Ritratt: Kevin Abela