Jitnieda l-ballu tal-President li se jsir f’Għawdex

Waqt żjara f’Għawdex il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ħabbret l-ewwel ballu tal-President li se jsir f’Għawdex nhar is-Sibt 30 t’Awwissu. Ballu li fi kliem il-President Coleiro Preca se jkun qed jesponi s-sbuħija ta’ Għawdex. Hija tkellmet ukoll dwar l-prevalenza tal-marda tal-kanċer fl-aħħar snin u fakkret kif l-Malta Community Chest Fund jibqa’ l-uniku fond nazzjonali li qed jipprovdi fondi għall-kura.
Waqt l-istess konferenza stampa tkellem il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo li saħaq li din l-attivita’ qed turi biċ-ċar kif din il-presidenza qed tkun il-presidenza tal-poplu kollu bl-umanità tal-persuna tkun fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha.
Min naħa tiegħu is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said faħħar l-inizjattiva u wiegħed l-appoġġ tal-oppożizzjoni f’inizjattivi li minnhom igawdi l-poplu.
Wara ż-żjara f’Għawdex il-President Coleiro Preca u s-Sur Preca żaru l-gżira ta’ Kemmuna fejn hemm huma ltaqgħu mal-maniġment u l-ħaddiema tal-lukanda f’Kemmuna. Il-President Coleiro Preca żaret ukoll l-unika erba’ residenti f’Kemmuna.

Ritratt: Jeremy Wonnacott