Jitnieda l-APS Diversified Bond Fund

L-APS Funds SICAV p.l.c., li hu skema miftuħ ta’ investiment kollettiv taħt ir-reġim tal-UCITS, għadu kif vara t-tielet fond tiegħu, l-APS Diversified Bond Fund. Dan il-Fond huwa mmirat għal investituri li jifilħu jieħdu riskju ta’ livell moderat sa għoli, u li huma lesti jinvestu fil-fond għal terminu medju jew fit-tul.
L-APS Diversified Bond Fund se jimmira li jġib l-ogħla rendita totali billi jinvesti primarjament fi strumenti ta’ dejn internazzjonali kklassifikati taħt il-BBB minn Standard and Poor’s jew ekwivalenti, jew jekk l-istrumenti ma jkunux ikklassifikati, ikunu meqjusa mill-Investment Manager li huma ta’ kwalità ekwivalenti. L-univers li fih jinvesti l-Fond ma jeskludi ebda pajjiż, imma l-Fond huwa obbligat li dejjem iżomm mill-inqas 20 fil-mija tal-assi netti totali denominati fl-ewro. Il-Fond jista’ jinvesti f’titoli maħruġa sew mill-gvernijiet kemm minn korporazzjonijiet.
L-investituri għandhom l-opzjoni li jagħżlu li jirċievu dividend kull sitt xhur jew li jżidu d-dividend awtomatikament mal-kapital li jkollhom investit. Wieħed jista’ jidħol fil-Fond ukoll permezz ta’ pjan li bih jiġi investit ammont fix-xahar.
Investituri prospettivi huma mistiedna jkellmu wieħed mir-rappreżentanti tal-APS Bank u li jaqraw il-Prospektus, is-Suppliment relattiv tal-Offerta u l-KIIDs. Tista’ titlob li jingħatawlek dawn id-dokumenti jew tista’ tniżżilhom mis-sit elettroniku www.apsfunds.com.mt. Min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jibgħat email lil info@apsfunds.com.mt jew iċempel lill-Customer Support Centre fuq in-numru 21226644.