Jitnieda kors ta’ robotika b’xejn għat-tfal Għawdxin

Tfal Għawdxin se jkunu qed jibbenefikaw minn kors ta' robotika b'xejn f'Għawdex stess, wara li l-Gvern laħaq ftehim ma' kumpanija privata bl-ispejjeż kollha jitħallsu mill-Ministeru t'Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana ħabbret li wara li ntlaħaq ftehim mal-kumpanija TCTC, il-Ministeru se jkun qed jinvesti f'dan il-kors għax fi klimeha, ir-robotika mhux biss hija l-futur iżda wkoll il-preżent għax fis-suq hawn ħafna apparat li jgħin fil-ħajja ta’ kuljum.
Justyne Caruana saħqet li t-teknoloġija b’livell għoli u speċjalizzat, hija settur li Għawdex irid jipprepara għalih biex il-gżira Għawdxija tiġi proġettata bħala hub għal din it-tip ta’ attività.
Il-Ministru fakkret ukoll, li din il-ġimgħa kien hemm applikazzjonijiet oħra għal esperjenza ta’ xogħol fost iż-żgħażagħ Għawdxin u li għaliha kien hemm mal-400 applikazzjoni.