Jitnieda helpline għal persuni b’diżabilità

Tnieda helpline bil-għan li jservi bħala punt ta’ referenza għal mistoqsijiet kif ukoll xi sfidi li jistgħu jiltaqgħu magħhom persuni b’diżabilità jew il-qraba tagħhom. Il-helpline se jkun aċċessibbli fuq in-numru 153.

L-Aġenzija Sapport se tkun qiegħda tħaddem dan il-helpline filwaqt li se tkun qiegħda tiġbor statistika biex issir evalwazzjoni aħjar għas-servizzi offruti. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu li saret b’ħidma konġunta bejn il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali, l-Aġenzija Sapport u servizz.gov.

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon saħaq kif dan is-servizz se jkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-familji iżda wkoll għall-gvern minħabba li issa se jkun hemm stampa ċara tax-xogħol li qiegħed isir u x’hemm bżonn li jsir iżjed ‘il quddiem. Sostna kif dan is-servizz se jagħti widen lil min jgħix id-diżabilità fil-ħajja ta’ kuljum.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li dan il-helpline kien imwiegħed bħala miżura tal-baġit għas-sena 2020.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar żied jgħid li l-kejl tas-suċċess tas-Servizz Pubbliku huwa kollaborazzjonijiet bħal din tal-helpline għal persuni b’diżabilità. Qal li permezz tal-aġenzija servizz.gov u l-użu tat-teknoloġija, is-Servizz Pubbliku qiegħed joffri servizz tajjeb li huwa offrut 24 siegħa kuljum.