Jitnieda bond b’imgħax ta’ 3% speċifikat għall-anzjani

Tnieda bond ta’ tfaddil mill-Gvern għall-anzjani li twieldu fl-1955 jew qabel b’rata t’imgħax ta’ 3% li jitħallas kull 6 xhur.
Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, qal li l-baġit ta’ dis-sena fih dan il-bond, immirat speċifikament biex jindirizza t-tnaqqis drastiku fid-dħul addizzjonali li l-pensjonanti kien qed ikollhom u fid-dawl ta’ tnaqqis tar-rati t’imgħax fuq depożiti fissi mal-banek kummerċjali li kellhom fl-aħħar snin.
Bis- 62+ Government Savings Bond, l-investitur se jkun jista’ jinvesti sa massimu t’€10,000 u minimu ta’ €500. L-investiment se jkun marbut għal ħames snin u mhux se jkun jista’ jiġi nnegozjat fuq il-Borża ta’ Malta.
Il-Ministru Scicluna rrimarka li biex inħareġ dal-bond b’dir-rata, li hi ferm aħjar minn dik li joffri s-suq, kellha tinbidel il-liġi dwar il-Bills tat-Teżor ta’ Malta, liema liġi għaddiet mill-Parlament ftit tal-jiem ilu.
L-applikazzjonijiet għal dan il-bond se jibdew jintlaqgħu mill-4 ta’ Settembru li ġej.  
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neil