​Jitneħħew minn onlajn 22 sentenza tal-Qorti

Fl-aħħar ħames snin tneħħew 22 sentenza mill-aċċess tal-pubbliku onlajn, wara li saru 43 talba mill-pubbliku stess.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal dan fil-Parlament, waqt li spjega li meta jkun hemm sentenza li ma tibqax tidher onlajn, ma jkunx ifisser li l-kawża titneħħa mis-sistema tal-Qorti.
Bonnici kien qed iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
Huwa qal li għaċ-ċivil u għall-professjoni legali, is-sentenza tibqa’ aċċessibbli minn fuq is-sistema Lecam.
Żied jgħid li d-deċiżjoni li titneħħa sentenza onlajn tittieħed mid-Data Controller, wara li jiġu kkunsidrati kriterji stabbiliti fl-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data.
Ix-xahar li għadda, qamet kontroversja bil-każ ta’ żewġ gradwati li nstabu ħatja ta’ frodi u li s-sentenza tagħhom tneħħiet mid-database pubblika onlajn tal-Qorti.