Jitneħħew il-bankini biex titwessa’ t-triq, u ħadd ma jaħseb għal min ma jsuqx

Jidher li l-bankini miż-żewġ naħat ta’ Vjal l-Avjazzjoni Ċivili f’Ħal Luqa tneħħew sabiex titwessgħa t-triq mingħajr ma ġew offruti alternattivi oħra, bil-konsegwenza ta’ xi inċident imminenti.
Dan qalu Saviour Sam Agius, li huwa wkoll membru tal-Bicycling Advocacy Group, li bagħat ir-ritratti tiegħu li juru ċar persuni għaddejjin bil-mixi passejn ’il bogħod mill-karozzi għaddejjin, mingħajr ebda forma ta’ bankina jew rotta sigura.
Agius iddeskriva din is-sitwazzjoni bħala “tal-imġienen u irresponsabbli”.
Irrimarka li l-awtoritajiet iridu jipprovu rotta alternattiva li tkun sigura meta jkun meħtieġ li titneħħa l-bankina biex it-triq titwessgħa, u dan bil-liġi.
Minkejja dan ir-ritratti juru li dan ma sarx, u għandek nies mexjin bejn il-karozzi u blokok tal-konkrit.
Agius talab ukoll sabiex l-awtoritajiet ma jwiġbux bis-soltu tweġiba tagħhom billi jweħħlu sinjali fuq il-post jipprojbixxu l-persuni u ċ-ċiklisti milli jgħaddu.
Huwa qal li din issa saret moda, li għall-infrastruttura tal-vetturi jkollu jbati min jimxi jew juża mezz ieħor biex jivvjaġġa.
Temm jgħid li dawn il-persuni qed jagħmlu pjaċir lil kulħadd billi jużaw mezzi li ma jħammġux, iżda l-awtoritajiet qed jagħmluhielhom dejjem aktar diffiċli biex jibqgħu jagħmlu hekk.
Ritratti: Saviour Sam Agius