Jitneħħew 12-il billboard ieħor illegali

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qalet li l-Ħamis filgħaxija kompliet tneħħi aktar billboards illegali.
Irrimarkat li x-xogħol wettqitu flimkien mal-Forzi tal-Pulizija skont avviż legali li daħal fis-seħħ fit-tieni ta’ Frar.
Qalet li minn inħawi pubbliċi u propjetajiet privati f'Ħal Qormi, l-Imsida, il-Kappara, is-Swieqi u Pembroke neħħiet 12-il billboard, u dawn ikomplu mas-sitta li neħħiet il-ġimgħa l-oħra.
Riċentement is-suġġett tal-billboards illegali kien reġa’ qam minħabba billboards ta’ #Occupy Justice li tneħħew mill-PA, għax qalet li tweħħlu kontra l-liġi.
Għal dan il-grupp kien ikkummenta li l-Gvern hu aktar entużjast li jneħħi l-billboards, milli lil nies oħra f’Kastilja.
Ftit wara l-PA qalet li l-billboards li weħħlu l-grupp kienu wkoll qed jisirqu d-dawl.
Ilbiraħtlula l-awtorità rrimarkat li Malta u Għawdex haw madwar 40 billboard illegali.
Newsbook.com.mt ippubblika ritratti ta’ billboards illegali fir-Rabat Għawdex, li għadhom hemmhekk minkejja li 4 snin ilu konna rrappurtajna dwarhom.