Jitneħħa sinjal tat-triq li jostakola aċċess għal garaxx

Raġel ressaq ilment għaliex spazju ta’ parkeġġ fi triq li jippermetti li wieħed jgħabbi jew iħott tagħbija kien qed jostakolalu l-aċċess għall-garaxx. L-ilment tiegħu ntlaqa’ mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar li rrakkomanda li dan l-ispazju ta’ parkeġġ jitneħħa.

Dan ħareġ minn rapport ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman u li ġie ppreżentat fil-Parlament f’April. 

Meta sar l-ilment mill-individwu, il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar mar fuq il-post biex jispezzjona din l-inkonvenjenza li nħolqot minħabba l-parkeġġ imsemmi. Irriżulta li dan il-parkeġġ kien miżbugħ b’żebgħa safra u kien jinsab qrib kantuniera. Minn aktar stħarriġ ħareġ ukoll li Transport Malta kienet diġà rrakkomandat lill-Kunsill Lokali sabiex ineħħi dan il-parkeġġ u minflok jagħmel żewġ linji sofor, minħabba li dan il-parkeġġ ma kienx skont ir-regolamenti li għal raġunijiet ta’ sigurtà jistabbilixxu d-distanza minima li spazju ta’ parkeġġ għandu jkun ’il bogħod minn kantuniera.

Madankollu, aktar tard, Transport Malta spjegat li minħabba li ż-żewġ linji sofor kienu se jiġu twal disa’ metri mill-kantuniera, seta’ jidħol spazju ta’ parkeġġ biex itaffi l-problemi tal-parkeġġ fiż-żona.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar saħaq li ma seta’ jsir ebda spazju ta’ parkeġġ f’dik il-parti tat-triq ladarba r-regolamenti kienu jistabbilixxu li jeħtieġ li tal-anqas ikun hemm ħames metri mill-kantuniera, u għaldaqstant ma kien joqgħod ebda parkeġġ fil-kumplament tad-distanza li jifdal.

Għaldaqstant, meta saret ir-rakkomandazzjoni ta-Uffiċċju li jitneħħa l-ispazju tal-parkeġġ irregolari, Transport Malta ħarġet l-avviż meħtieġ. Is-sinjali tat-triq ġew ukoll regolarizzati u implimentati mill-Kunsill Lokali.