Jitneħħa l-periklu f’Għar Lapsi

Tneħħa l-periklu li kien hemm għall-pubbliku f’Għar Lapsi, hekk kif tlesta l-intervent infrastrutturali li kien għaddej matul dawn l-aħħar xahrejn.

Ix-xogħol kien jinkludi t-tqegħid ta’ xibka speċjali biex toffri protezzjoni għal kull min jgħaddi minn dawk l-inħawi u biex jiġi evitat li aktar blat jaqa’ għal isfel.

Għal iżjed stabbiltà, tqiegħdu wkoll boldijiet tal-materjal ‘stainless steel’, b’tul ta’ żewġ metri fil-blat innifsu biex iżomm il-blat f’postu.

Ix-xogħol beda f’Mejju li għadda u  sar minn kuntrattur Taljan li huwa involut f’xogħol simili li qed isir fiċ-Ċittadella.

Ix-xogħol sar taħt is-sorveljanza tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu f’Għar Lapsi, il-Ministru Joe Mizzi qal li l-blat f’Għar Lapsi huwa espost għall-kundizzjonijiet estremi u d-deterjorazzjoni tal-uċuh tal-blat huwa fenomenu li jseħħ b’mod naturali.

Għall-konferenza kien hemm preżenti wkoll is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina.