Jitneħħa l-mafkar ta’ Daphne; jibda jimtela ftit wara

Aktar fjuri, xemgħat u ritratt tal-ġurnalista assassinata, Daphne Caruana Galizia, tpoġġew fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir wara li l-fjuri, ix-xemgħat u r-ritratti li kien ilhom esebiti mad-dawra tal-monument, għal dawn l-aħħar erba’ xhur, tneħħew matul il-lejl li għadda.

F’dawn l-aħħar xhur, qamet kontroversja sħiħa meta bosta pprotestaw il-mafkar ta’ Daphne u insistew li għandu jitneħħa. Dan minħabba li jemmnu li l-monument qiegħed hemm biex ifakkar lil dawk kollha li tilfu ħajjithom fl-Assedju l-Kbir u mhux lill-ġurnalista assassinata.
Il-Kunsillier Laburista, Ray Azzopardi kien ressaq mozzjoni sabiex jitneħħa l-“monument temporanju”, mozzjoni li kienet issapportjata minn bosta, inkluż iċ-ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef.
Għaldaqstant, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, irrifjuta l-istess mozzjoni waqt laqgħa miftuħa għall-pubbliku. Fir-ruling tiegħu fi tmiem il-laqgħa, is-Sindku tal-Belt Alexei Dingli kien qal li din il-mozzjoni hija inaċċettabbli għaliex il-kunsill m’għandu l-ebda ġurisdizzjoni fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir.
Għal xi żmien, ħdejn ir-ritratt ta' Caruana Galizia, tpoġġew ukoll ir-ritratti tal-Eks Prim Ministru Dom Mintoff, Karin Grech li nqatlet b’ittra bomba indirizzata lil missierha fl-1977 fiż-żmien tal-istrajk tat-tobba, u tal-attivist Nazzjonalista Raymond Caruana li nqatel fil-każin tal-partit fil-Gudja fl-1986.
Kien hemm żmien ieħor fejn ir-ritratti tneħħew kompletament minn fuq il-monument.
Oħrajn ippruvaw jivvandalizzaw il-mafkar, meta filmat kixef li mara, li qabel qalet li kienet waqgħet u laqtet il-fjuri u x-xemgħat mad-dawra tal-monument, fir-realtà kienet xejret il-bastun tagħha sabiex iżżarma l-mafkar.
S’issa, tliet irġiel qed jinżammu arrestati b’rabta mal-assassinju.
Ritratti: Ian Noel Pace