Jitneħħa l-mafkar għal Daphne Caruana Galizia minħabba l-Vitorja

Read in English.

Wara xhur mhux mimsus, jidher li l-mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia fil-Belt Valletta tneħħa mill-ġdid minħabba l-preparamenti li għaddejjin għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Vitorja.

L-attivista Alessandra Dee Crespo xerrdet ritratt tal-monument tal-Assedju l-Kbir ta’ quddiem il-qorti mingħajr il-mafkar tal-ġurnalista, u b’għadd ta’ siġġijiet imqegħdin hemm minħabba l-Vitorja li tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Settembru.

Il-mafkar kien ilu ma jintmess minn Jannar, meta Robert Abela beda jokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru. Fil-bidu tal-mandat tiegħu, Abela kien iddikjara li l-mafkar se jitħalla hemm wara snin jitneħħa b’ordni tal-Ministru Owen Bonnici, li dak iż-żmien kien Ministru għall-Ġustizzja.

Il-Qorti kienet sabet lill-Ministru ħati li kiser id-drittijiet umani tal-attivisti ta’ kemm-il darba ordna li jitneħħa l-mafkar.

Il-grupp Occupy Justice qal li posters jistgħu jitneħħew, imma l-protesta tagħhom għall-ġustizzja għall-ġurnalista assassinata ma tistax titwaqqaf.

Dee Crespo, li hi parti mill-Kumitat tal-NGO Repubblika, kitbet li l-Prim Ministru Robert Abela donnu ma ntebaħx bl-ironija li filwaqt li Malta qed tikkommemora l-Assedju l-Kbir, Malta mill-ġdid sefgħet taħt assedju, iżda din id-darba hu wieħed ta’ korruzzjoni, impunità u ħabi tal-assassinju tal-ġurnalista sponsorjat mill-Istat. Sejħet il-kontinwità ta’ Abela bħala parti mill-assedju wkoll.

Madankollu, hija temmet il-messaġġ tagħha b’wegħda lil Caruana Galizia li dan l-assedju għad jintrebaħ u jiġi ċċelebrat fl-istess post.