Jinbidel il-Kap tal-Kummissjoni tal-Ippjanar

Pressjoni mill-NGOs twassal għat-tneħħija tal-Kap tal-Kummissjoni tal-Ippjanar.

Il-Perit Simon Saliba tneħħa minn Kap tal-Kummissjoni tal-Ippjanar miIl-Ministeru għalla-Ippjanar u l-Ambjent, u minfloku nħatar il-Perit Claude Mallia. Il-Perit Mallia għandu esperjenza estensiva f’deċiżjonijiet tal-ippjanar.  Sadanittant, il-Perit Saliba nħatar membru tal-kumitat tar-regolarizzazzjoni tal-ippjanar.

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li bħalma ħass li kellu jagħmel bidliet fil-kummissjonijiet fi Frar li għadda, reġa’ ħass il-bżonn li jagħmel bidliet fil-kummissjonijiet attwali. Filwaqt li għamel dan, irringrazzja lill-membri kollha għax-xogħol tagħhom f’qasam tant importanti u sensittiv.

Il-Perit Saliba kien ikkritikat mill-Moviment Graffitti wara li allegatament tefa l-mikrofonu ta’ attivist waqt smigħ pubbliku. Skont din l-NGO, il-Kap tal-Kummissjoni tal-Ippjanar għamel dan għaliex skontu l-intervent tagħha ma kellux x’jaqsam mad-diskors.

Konsegwenza ta’ dan, 11-il għaqda non-governattiva sejħu għat-tneħħija ta’ Simon Saliba minn Kap tal-Kummissjoni tal-Ippjanar minħabba “li fixkel id-dritt li jsir proċess tal-ippjanar b’mod ġust”.

Fi stqarrija konġunta, l-NGOs qalu li Saliba mhux darba jew tnejn wera diżrispett lejn ir-residenti u oġġezzjonaturi oħrajn waqt smigħ pubbliċi li jsiru fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar. Madanakollu, l- Awtorità tal-Ippjanar qalet li Saliba kien qiegħed jiġi kkritikat b’mod li mhuwiex ġust.

L-NGOs qalu wkoll li l-Perit Saliba li suppost kellu pożizzjoni imparzjali ġieli qabeż għall-iżviluppaturi b’mod pubbliku u saħansitra aggressiv.