Jitneħħa l-ħmieġ u jitilqu l-ġrieden mill-garaxxijiet

Sar it-tindif li kien meħtieġ fi Triq il-Kavetta f’San Pawl il-Baħar wara li numru ta’ residenti f’din il-lokalità kienu lmentaw li minħabba l-garaxxijiet abbandunati kien hemm numru ta’ ġrieden jiġri fit-triq.
Ġew infurmati wkoll is-sidien tal-garaxxijiet privati, li skont il-Kunsill Lokali, wegħdu li se jieħdu ħsieb il-propjetà tagħhom biex din is-sitwazzjoni ma’ terġax tirrepeti ruħha.
Fuq din it-telqa u l-ġrieden kienu saru rapporti mad-Dipartiment tas-Saħħa u tas-Sanità.
Kien Newsbook.com.mt li fil-ġranet li għaddew irrapporta kif residenti fi Triq il-Kavetta kienu mħassba minħabba l-ġrieden u kif fl-istess triq hemm ukoll stabbilimenti tal-ikel u guest houses.
Ix-xogħlijiet saru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u mid-Dipartiment tat-Tindif.