Titneħħa l-€50 għal-liċenzja speċjali tal-kaċċa fir-rebbiegħa

Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja u Sajd u Drittijiet tal-Annimali qal li l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa ser jinfetaħ fl-10 ta’ April u jagħlaq fit-30 ta’ April, 2013.

Il-Gvern ser ikun qed jimplimenta minnufih l-ewwel parti tal-konklużjonijiet li kienu ġew miftehma qabel l-Elezzjoni Ġenerali mal-FKNK.

Fost il-kambjamenti, se jitneħħa l-ħlas ta’ €50 għal-liċenzja speċjali tal-kaċċa fir-rebbiegħa u l-kaċċaturi mhux ser ikollhom il-ħtieġa li jilbsu l-faxxa ma’ dirgħajhom kif sar f’dawn l-aħħar tlett snin.

Il-ġranet, ħinijiet u kwoti għal dan l-istaġun se jkunu l-istess bħal ta’ l-istaġun li għadda minħabba li ma kienx hemm iż-żmien biżżejjed biex il-Gvern jikkummissjona studji tekniċi dwar bidliet proposti, liema studji jieħdu ġimgħat sħaħ biex isiru.

Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern beħsiebu li jressaq l-istudji tekniċi li huma neċessarji sabiex ikomplu jitwettqu l-proposti l-oħra.