Jitneħħa l-asbestos mill-uffiċini tal-MCCAA

Tneħħa l-asbestos li kien hemm mas-saqaf tal-uffiċini tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fil-Blata l-Bajda.

Il-kumpanija li tqabbdet biex jitneħħa l-asbestos qalet li dan tneħħa bl-inqas tkissir possibbli.  Ix-xogħol sar fil-bidu ta’ Awwissu li għadda.

Il-Ministru Helena Dalli kienet kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li sakemm se jitneħħa l-asbestos, il-bini tal-madwar mhux se jkun fl-ebda riskju.  

Waqt ix-xogħolijiet, il-ħaddiema kollha fil-bini tal-MCCAA kienu bil-leave jew ħadmu mid-dar.

Biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ħaddiema tal-Awtorità u tan-nies tal-madwar, intuża spray apposta biex ma jkunx hemm ħruġ ta’ asbestos.

Il-materjal tpoġġa f’kontenitur tal-azzar u se jittieħed f’miżbla lliċenzjata f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea.