Jitneħħa l-apparat kontroversjali mis-sit qaddis f’Ġerusalemm

L-awtoritajiet Iżraeljani qed ineħħu l-apparat li jidentifika l-metall mis-sit qaddis f’Ġerusalemm, wara li d-deċiżjoni li jitweħħlu qajmet furur li wassal għal konsegwenzi koroh.
Il-Kabinett tas-Sigurtà Iżraeljana vvota li jitneħħew kmieni dalgħodu ħin lokali.
Id-deċiżjoni li jitwaħħlu kienet ittieħdet wara li fl-14 tax-xahar inqatlu żewġ pulizija qrib is-sit qaddis kemm għal-Lhud kif ukoll għall-Musulmani.
L-awtoritajiet Iżraeljani kienu qalu li l-apparat twaħħal għax in-nies kien qed jirnexxilhom idaħħlu l-armi f’dan is-sit, iżda d-deċiżjoni qajmet furur wara li l-Palestinjani argumentaw li din kienet skuża oħra sabiex l-Iżrael jassigura kontroll akbar tal-inħawi, li ilhom okkupati minnu mill-1967.
Nhar il-Ġimgħa, imbagħad, tliet Plaestinjani nqatlu waqt protesti minn eluf ta’ persuni fil-Lvant ta’ Ġerusalemm u f’Xatt il-Punent, il-West Bank.
Aktar tard dakinhar stess, tliet Iżraeljani nqatlu u ieħor indarab wara li Palestinjan daħal f’darhom fil-parti okkupata ta’ Xatt il-Punent.
Is-sit inkwistjoni huwa t-tielet l-aktar post qaddis għall-Musulmani kif ukoll l-aktar post qaddis għal-Lhud.
Dawn l-avvenimenti qajmu wkoll protesti fil-Ġordan, fejn hemm miljuni ta’ Palestinjani eżiljati. Tard il-Ħadd filgħaxija f’Amman, il-kapitali Ġordaniża, l-Ambaxxata Iżraeljana ġiet attakkata b’karozza-bomba.
Fir-ritratt: Uffiċjali Iżraeljani jneħħu l-apparat li jidentifika l-metall