Jitniedu l-iskemi ta’ sussidju ghall-ħaddiema u pazjenti Għawdxin

Christoph Schwaiger

Illum tnewdew l-iskemi ta’ sussidju finanzjarju għall-ħaddiema u pazjenti Għawdxin.

F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Imġarr Għawdex, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabret li total ta’ erba’ miżuri tnedew mil-lum.

Dawn jinkludu l-iskema għall-pazjenti Għawdxin li jkollhom appuntamenti fl-isptar Malta. Se tkun qed tittaffa l-ispiża tat-trasport u anke tal-akkomodazzjoni tagħhom.

Se jkun hemm ukoll skemi għall-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta. Dawn se jieħdu forma ta‘ tax credits għall-kumpaniji privati biex jorganizzaw trasport kollettiv fost sussidji oħra. Il-ħaddiema tal-Gvern li jużaw trasport kolletiv se jingħataw kumpens ta’ €1.50 kuljum.

Skont is-sit tal-Gvern, is-sussidju relatat mas-saħħa se jingħata lill-pazjent u lil adult li se jkun qed jakkumpanjah. Se jkopri l-ispiża tal-vapur u se jtaffi mill-ispejjeż tal-akkomodazzjoni. L-iskema tapplika għal dawk il-pazjenti Għawdxin li jridu jmorru Malta u għal dawk il-pazjenti Maltin li jkunu jridu jmorru Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex qalet li l-iskema tal-kura tapplika għall-pazjenti tal-kanċer, renal dialysis, u għal operazzjonijiet. L-akkomodazzjoni tkun koperta jekk l-appuntament ikun qabel it-8.30 am. L-għajnuna tkun sa massimu ta’ €45 għal kull lejl. Biex japplika wieħed irid jissottometti l-irċevuti tal-vapur, tal-akkomodazzjoni, u ittra mill-isptar.

Caruana qalet li l-ħaddiema se jkunu qed jingħataw €650 fis-sena u fil-każ tal-għalliema u learning support educators (LSEs) dawn se jirċievu €525 fis-sena minħabba li ma jaħdmux fil-vaganzi tas-sajf. Il-benefiċċju se jitħallas darbtejn fis-sena, bl-ewwel pagament ikopri bejn Jannar u Ġunju u mbagħad it-tieni pagament ikopri minn Lulju sa Diċembru.

Caruana qalet li għas-settur privat l-applikazzjonijiet jiftħu f’Lulju. Se jkun jinvolvi pagament ta’ €300 fis sena maqsum fuq żewġ pagamenti.