Jitnedew €470,000 f’fondi għall-festi

Christoph Schwaiger

Il-Gvern nieda €470,000 f’fondi li għandhom l-għan li jsaħħu l-festi tradizzjonali Maltin.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Arti Josè Herrera qal li l-każini tal-baned huma essenzjali għall-festi Maltin u li għalhekk il-Gvern se jkun qed jgħinhom minn aspett finanzjarju.

Il-fond se jiġi amministrat mill-Għaqda Każini tal-Baned.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Arti qal li hemm tliet skemi b’kollox. Hemm fond ta’ €150,000 biex jgħin finanzjarjament lis-soċjetajiet tal-banda, fond ta’ €170,000 għal aktar saħħa u sigurtà fil-kmamar tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja u finanzjament artistiku ta’ €150,000 għal għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali.

Preżenti għall-konferenza stampa li saret fi Pjazza Teatru Rjal kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti is-Sur Albert Marshall, flimkien ma’ rappreżentanti oħrajn mill-Għaqda Każini tal-Banda u l-Għaqda Piroteknika Maltija.

Il-linji gwida dwar kif tapplika għall-finanzjament għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, l-għaqdiet kulturali u l-għaqdiet soċjali jistgħu jinsabu hawnhekk. Il-formoli ta’ applikazzjoni jistgħu jitniżżlu wkoll minn hawnhekk.

Il-linji gwida dwar kif tapplika għall-iskema ‘Ngħinu finanzjarjament lis-soċjetajiet tal-banda’ jistgħu jitniżżlu minn hawnhekk. Il-formola ta’ applikazzjoni tista’ tinsab fuq il-portal tal-VoFunding https://vofunding.org.mt fil-jiem li ġejjin.

Il-linji gwida dwar kif tapplika għall-fond għal iktar saħħa u sigurtà fil-kmamar tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja jistgħu jitniżżlu minn hawnhekk. Il-formoli ta’ applikazzjoni jistgħu jitniżżlu wkoll minn hawnhekk.

Id-data ta’ għeluq li fiha l-Kunsill Malti għall-Arti se jieqaf jirċievi l-proposti għall-iskemi ta’ fondi kollha se tkun l-10 ta’ Lulju 2020.