Jitlob lill-Qorti biex ma xxandarx ismu għax uliedu ġew ibbuljati minħabba fih

Raġel li ammetta l-akkużi fil-Qorti ralatati ma’ serqa talab lill-Maġistrat biex ismu ma jixxandarx għax uliedu kienu qed jiġu bbuljati fl-iskola wara arresti simili li seħħewlu fil-passat.
Ir-raġel tressaq dalgħodu l-Qorti akkużat li seraq €2,300 mill-Każin tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat, u filwaqt li ammetta l-akkużi, wera tħassib dwar uliedu.
L-Ispettur tal-Pulizija, Joseph Mercieca, qal li kien hemm filmat tiegħu li kien qed idur fuq Facebook.
Minkejja t-talba tal-akkużat, ir-raġel għamel sinjali oxxeni lill-ġurnalisti meta kienu qed jiffilmjawh barra l-Qorti.
Kemm il-prosekuzzjoni u anki l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqgħu t-talba tiegħu, iżda nżamm arrestat sakemm jitħejja r-rapport ta’ qabel is-sentenza.
Instab ukoll li r-raġel kien kiser il-kundizzjonijiet preċedenti tal-ħelsien mill-arrest, u talli ma infurmax lill-Qorti li l-Karta tal-Identità kienet skadietlu.
Sadanittant, f’każ separat, illum dehret Leanna Chalbi ta’ 30 sena, li ammettiet li serqet b’€70 prodotti tal-ħasil tal-ħwejjeġ minn ħanut f’San Ġwann.
Bħalissa Chalbi qed tieħu l-kura barra minn darha għall-vizzju tad-droga, u bħall-każ ta’ qabel inżammet arrestat sakemm jitħejja r-rapport ta’ qabel is-sentenza.