Jitlob lill-Gvern jipprovdi magni orħos lil persuni bid-dijabete ta’ Tip 1

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech bagħat ittra lill-Ministr għas-Saħħa, Chris Fearne, jitolbu jistudja l-possibbiltà li jibda jipprovdi magni msejħa 'Continuous Glucose Monitors' għal pazjenti b'dijabete Tip 1 fi bżonn ġenwin.
L-ittra ssegwi konferenza nazzjonali li kienet ġiet organizzata f'Jannar mill-MEP bħala parti mill-impenn tiegħu li jirrappreżenta ’l komunità ta' persuni li jbatu mid-dijabete.
Matul l-aħħar ġimgħat u xhur, numru ta' pazjenti bid-dijabete Tip 1 għamlu kuntatt ma’ Zammit Dimech fejn esprimew tħassib dwar in-numru ta' drabi li qed ikollhom jittaqqbu biex jagħmlu moniteraġġ tal-livell taz-zokkor fid-demm.
Għal din ir-raġuni, l-MEP qed jitlob lill-Gvern biex jesplora l-possibiltà li jibdew jiġu pprovduti 'Continuous Glucose Monitors' affordabbli lil dawk fi bżonn ġenwin.
Temm jgħid li jekk dawn il-magni jkunu bi prezz li jifilħu l-pazjenti b'dijabete tat-Tip 1, speċjalment familji bi tfal dijabetiċi, dan ċertament jagħti riżultati ta' trattament aħjar.