Jitlob lill-Enemalta ma jaqtgħulux l-elettriku inkella martu titilqu

Iċ-ċermen tal-Enemalta qal fil-Qorti li huwa mexa skont il-liġi meta kienet se tinqata’ l-provvista tal-elettriku lil raġel miż-Żurrieq li baqa’ ma ħallasx dak li kien dovut f’elettriku.
Dan meta rriżulta li r-raġel kellu l-meter tal-elettriku mbagħbas.
Ir-raġel fetaħ proċeduri fil-Qorti kontra ċ-ċermen tal-Enemalta għaliex fi kliemu ħa l-liġi b’idejh.
Huwa kien talab lill-Enemalta biex ma jaqtgħulux il-provvista tal-elettriku għax martu titilqu.
Fil-Qorti ntqal li r-raġel kien iffirma ftehim mal-Enemalta biex iħallas mal-€2,000 f’kontijiet arretrati, liema ftehim kien jistipola li l-provvista kienet tinqata’ jekk ma jħallasx dak li kien dovut.
Intqal ukoll li l-Enemalta bagħtet ittra uffiċjali lir-raġel f’April tal-2014 dwar il-pagamenti, bl-avukat tar-raġel iwieġeb li l-klijent tiegħu qatt ma kien ftiehem li kellu jagħti xi flus.
Irriżulta li meta l-ħaddiema tal-Enemalta marru biex jaqtgħu l-provvista tal-elettriku, ir-raġel ċempel liċ-ċermen u qallu li kien lest li jħallas l-ammont dovut iżda meta reġa’ ntalab il-pagament qal li kien ingħata parir legali li ma jħallasx.
Meta l-ħaddiema marru biex jaqtgħu il-provvista, ir-raġel reġa’ ċempel liċ-ċermen u qallu li ma kellux dritt li jħallih bla elettriku.
Ir-raġel iżda ħallas l-ammont dovut b’ċekk u enfasizza li kien qed jagħmel dan bi protesta u l-avukat tiegħu bagħat ittra lill-Enemalta fejn intqal li l-klijent ħallas għax kien mhedded għaliex il-korportazzjoni m’għandhix dritt legali li taqta’ l-provvista tal-elettriku.
Il-każ ġie diferit għall-11 ta’ Jannar li ġej.