Jitlob li jitħalla jaħdem barra minn Malta wara li tneħħielu l-warrant

Read in English.

Id-difiża fil-każ tal-eks-avukat li tteħidlu l-warrant Patrick Spiteri qed titlob sabiex jiġu reveduti l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest sabiex ikun jista’ jaħdem barra mill-pajjiż.

Spiteri kien ġie arrestat f’Surrey fl-Ingilterra fl-2014 u mbagħad ġie estradit lejn Malta fuq akkużi ta’ frodi u miżaproprijazzjoni ta’ ħlasijiet. Ir-raġel ta’ 55 sena li kien magħruf fil-qasam tal-liġi tat-taxxa kien jgħix fir-Renju Unit f’dar li tiswa mal-€4 miljun. Hu kien qed jevadi lill-awtoritajiet Maltin li kienu qed jallegaw li wettaq frodi u miżapproprijazzjoni ta’ xi €7.4 miljun lura fil-bidu tal-millenju.

Jidher li hu kien dejjem jgħid li ma jiflaħx sabiex ma jkollux għaliex jiġi Malta u jaffaċċja lill-awtoritajiet. Hu kien ġie estradit lejn Malta fl-2017 u tressaq akkużat ta’ seba’ warrants ta’ arrest Ewropew separati. Minkejja dan, ma sar l-ebda tip ta’ progress fil-każ tiegħu.

Għal xi żmien, is-smigħ fil-Qorti ma kienx seħħ minħabba li Spiteri kien qal li qed isofri minn marda. Id-difiża kienet talbet li r-raġel ma jinżammx taħt arrest fil-ħabs iżda jkun jista’ jagħmel dan f’daru minħabba volumi kbar ta’ dokumenti li qal li għandu bżonn sabiex jipprepara d-difiża tiegħu. Hu kien ingħata l-ħelsien mill-arrest bil-patt u l-kundizzjoni li ma joħroġx minn daru.

Jidher li issa hu sab xogħol ma’ kumpanija Ingliża bbażata f’Malta li tirrikjedi li hu jsiefer fuq xogħol kull tant żmien. Dan qalu llum quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli. Il-Qorti qalet li se tkun qed toħroġ digriet mis-sigrieta.