Jitlob il-piena massima għall-ekssieħeb ta’ Mintoff Bland

Hekk kif kompla jinstema’ l-każ kontra l-ekssieħeb ta’ Yana Mintoff Bland, l-Avukat Joseph Giglio saħaq li l-Qorti għandha tagħti l-piena massima lill-akkużat.
L-ekssieħeb ta’ Mintoff Bland, Rumen li għandu 40 sena, allegatament nhar l-24 ta’ Ottubru, daħal fil-propjetà tal-ekssieħba u wara li heddida, ta daqqiet ta’ sikkina u aktar tard ta daqqiet oħra lil binha li mar jgħinha.
L-Avukat Joseph Giglio qal li l-ebda persuna li tiddeċiedi li twaqqaf relazzjoni ma għandha tispiċċa attakkata b’sikkina.
Huwa spjega kif ir-Rumen ma setax jaċċetta li ma għadux f’relazzjoni ma’ Mintoff Bland wara li din telqitu minħabba li kien il-ħin kollu jissuspetta fiha.
Kienu ħafna dawk li xehdu f’dan il-każ u qalu li semgħu għajjat ġej mir-residenza ta’ Mintoff Bland fil-lejl li fih seħħ l-inċident.
Esperti forensiċi ddeskrivew il-feriti li kellha Mintoff Bland u li kienu kkawżati minn daqqiet ta’ sikkina waqt li bl-għaġla kienet nieżla t-taraġ bil-ħwejjeġ tal-ekssieħeb tagħha.
L-avukat qal illi li kieku ma kienx għall-intervent ta’ iben Mintoff Bland, il-każ seta’ kien ħafna iżjed gravi.
Waqt li kompla jispjega dak li ġara, l-Avukat qal li l-iben u l-omm ħarbu iżda, kif jixhdu t-traċċi tad-demm, ir-Rumen tela’ jiġri fuq il-bejt wara li qabbad id-dar.
Kompla jgħid li hemm provi ċari li r-Rumen qabbad in-nar apposta u ma hemm l-ebda dubju li kien hu, ġaladarba hu kien l-uniku persuna fid-dar.
Matul il-każ kien hemm ħafna drabi fejn saret referenza għall-feriti li kellu l-akkużat, iżda l-avukat insista li  l-feriti li kellu għamilhom hu stess.
Saħaq li l-akkużat kien qed ibati minn problemi emozzjonali u ma wera l-ebda rimors għal dak li għamel.