Jitlob għall-ħelsien mill-arrest għax “essenzjali”; akkużat bi vjolenza domestika

Read in English.

Ħaddiem fil-qasam tas-saħħa talab għall-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat bi vjolenza domestika għax qal li bħalissa jiġi meqjus bħala “essenzjali” fid-dawl tal-pandemija.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Ir-raġel allegatment ta n-nar lill-bieb tal-garaxx tal-eks sieħba tiegħu. Dan wara li għamlet rapport mal-Pulizija li kien qed itiha fastidju.

L-avukati tal-akkużat għamlu applikazzjoni urġenti għall-ħelsien mill-arrest peress li l-akkużat jaħdem fl-isptar. Ħassew li s-servizzi tiegħu kienu aktar essenzjali mis-soltu fid-dawl tal-kriżi tal-coronavirus.

Il-Maġistrat innota li r-raġel diġà kellu sentenzi maqtugħa kontrih. Qal li l-vjolenza domestika ma kinitx kwistjoni privata imma materja pubblika li qatt ma tista’ tiġi ġustifikata.

Vittmi ta’ vjolenza domestika bħalissa qegħdin f’riskju akbar peress li qed iqattgħu aktar ħin id-dar minħabba l-coronavirus.

Reċentament il-Gvern nieda miżuri ta’ għajnuna għall-vittmi tal-vjolenza domestika.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn