Jitlesta x-xogħol tat-tqegħid tal-interconnector

Ix-xogħlijiet relatati mat-tqegħid tal-interconnector fil-baħar bejn Malta u Sqallija tlestew.
Il-vapur Skagerat rreġistrat in-Norveġja u wżat mill-kumpanija Nexans, li ġiet ikkummissjonata għat-tqegħid tal-cable tal-interconnector f’qiegħ il-baħar, jinsab lest mix-xogħol relatat.
Sorsi qrib Kastilja li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li filwaqt li x-xogħlijiet jinsabu fit-tmiem, l-interconnector se jkun f’pożizzjoni li jipprovdi l-elettriku lejn Malta fl-ewwel xhur tal-2015.
Ix-xogħlijiet li se jgħaqdu liż-żewġ pajjiżi mill-Magħtab sa’ Ragusa, kienu bdew fis-6 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet u kif kien żvela Newsbook.com.mt se jkunu lesti sal-aħħar tax-xahar.
L-interconnector bejn Malta u Sqallija sar b’investiment ta’ €200 miljun u huwa twil 97 kilometru fil=-baħar u 26 kilometru fuq l-art.
L-investiment sar mill-Gvern Malti bl-għajnuna tal-fondi Ewropej.
F’Ragusa, l-interconnector ħoloq sensiela ta’ protesti bil-Kunsill qed jitlob kumpens ambjentali ta’ €500,000. 
L-interconnector se jkun qed jipprovdi aktar minn 200MW ta’ enerġija filwaqt li l-Korporazzjoni Enemalta tista’ tikkunsidra li tikkummissjona t-tieni interconnector.