Jitlesta x-xogħol ta’ tiswija fuq l-interconnector

Read in English.

It-tiswijiet fuq l-interconnector bejn Malta u Sqallija huma lesti u bħalissa għaddejin l-aħħar testijiet sabiex l-interconnector ikun jista’ jerġa’ jibda jaħdem b’mod normali. Dan mistenni jseħħ mil-lejla. 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia, fejn spjega li bħalissa, il-cable huwa msewwi u jinsab f’qiegħ il-baħar. Ġie spjegat li lbieraħ filgħaxija nxtegħel għal 24 siegħa u bħalissa qed isir ‘soak test’, jiġifieri meta l-cable ikun imniżżel taħt l-ilma fil-qiegħ, mixgħul imma ma jkollux load fuqu.

Il-Ministru spjega li kien hemm xi ġranet li ntilfu minħabba maltemp li kien hemm fuq il-baħar u li wasslu biex ix-xogħlijiet kellhom jieqfu għal xi ġranet. Minkejja dan qal li  jiġifieri f’nofs iż-żmien prevvist minn meta seħħ l-inċident.

Qal li sa issa, it-testijiet jidhru pożittivi u jekk jibqgħu jagħtu tali riżultati, sal-lejla l-pajjiż jerġa’ jkollu taħlita ta’ enerġija mill-interconnector, mill-power stations u minn enerġija rinovabbli. 

Il-Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha li qed jaħdmu min-naħa ta’ Sqallija u wera apprezzament lejn ix-xogħol li sar u dan fis-sitwazzjoni xejn feliċi fil-pajjiż, fejn in-nies qed jiġu mħeġġa biex ma jsiefrux jekk mhux għall-bżonn. Il-Ministru qal li qed isiru l-arranġamenti kollha meħtieġa biex dawn il-ħaddiema jinġiebu lura Malta llejla u qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha bi prijorità lejn saħħithom.