Jitlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tat-tramuntana ta-Knisja taż-Żejtun

DOI - Jason Borg

Read in English.

It-tieni fażi tar-restawr fuq il-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun, li kien jikkonsisti fil-faċċata tat-tramuntana tal-knisja tlesta wara ħidma li damet għaddejja sitt xhur.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Kultura ġie spjegat li t-tieni fażi rat intervent ta’ restawr fuq 650 metru kwadru, b’investiment ta’ €150,000. Dan wara li tlestiet l-ewwel fażi li kienet tinvolvi r-restawr tal-faċċata tan-nofsinhar: 890 metru kwadru li tlestew fl-2018.

Din il-faċċata tal-knisja kienet ikkaratterizzata minn partijiet estensivi ta’ tkabbir bioloġiku. Hija l-aktar faċċata ppreservata, minħabba li hija l-inqas waħda esposta għal tixrib u tnixxif.

L-istqarrija spjegat li x-xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni nkludew it-tneħħija ta’ kisi b’bażi ta’ siment mill-faċċata. Il-ġebel ġie mnaddaf sew bl-ilma distillate u ġie plastic repared. Fejn instab li l-ġebla ma kinitx soda strutturalment inbidlet. Id-dettalji arkitettoniċi li ntilfu u li setgħu ġew magħmula mill-ġdid minn evidenza eżistenti ġew mibdula, u fejn kien possibbli saru bil-plastic repair. Il-wiċċ tal-ġebel tnaddaf bi pniezel apposta minn depositi, tbajja u tkabbir bioloġiku. Il-qoxra sewdenija ġiet imnaddfa, imbagħad ingħatat velatura biex l-apparenza tkun konsistenti. Il-qsim u l-fili li huma dgħajfa reġgħu ġew imkaħħal b’taħlita ta’ ġir.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li bħalissa d-Direttorat tar-Restawr għandu fi ħdanu 80 proġett, kollha fi stadi varji. Qal li l-istrateġija hija li jassiguraw li postijiet tat-tip ikunu aktar disponibbli u aċċessibbli għall-pubbliku.

Il-faż li jmiss se tkun fuq il-faċċata u l-kampnari tal-knisja li jikkonsistu f’1,600 metru kwadru. L-investiment huwa stmat €355,000. Ix-xogħlijiet huma mistennija jibdew f’Ġunju ta’ din is-sena u jieħdu madwar 12-il xahar.