Titlesta Triq Ħal Luqa b’nefqa ta’ €2 miljuni

Il-Ministru għall-Infrastuttura Ian Borg inawgura t-triq il-ġdida li minn Ħal Luqa tagħti għal Santa Luċija, proġett li sewa  €2 miljun.

Il-proġett kien jinkludi t-twessigħ tat-triq, il-bini mill-ġdid tal-karreġġjati, tibdil tas-servizzi u l-pedamenti, l-introduzzjoni ta’ sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita u l-introduzzjoni ta’ faċilitajiet pedonali u għaċ-ċiklisti.

“Dan huwa proġett li juri biċ-ċar li m’aħniex qed ninvestu biss f’infrastruttura effiċjenti, iżda anke f’infrastruttura aktar sigura, infrastruttura tal-ogħla kwalità u infrastruttura għal min juża mezzi alternattivi. Il-proġett ta’ Triq Ħal Luqa huwa eżempju ieħor li juri li l-mod kif qed nippjanaw u nimplimentaw l-infrastruttura tagħna huwa wieħed ħolistiku,” qal il-Ministru Borg.

Huwa spjega li minbarra t-tibdil strutturali f’din it-triq, sar ukoll disinn u bini mill-ġdid tar-roundabouts fit-trufijiet tagħha, filwaqt li ġew introdotti faċilitajiet sikuri bħal bus stops ġodda, pelican pedestrian crossings, dawl li juri aħjar u sistema ta’ crash barriers.

Il-Ministru Borg qal li fil-ġimgħat li ġejjin, Infrastructure Malta se tħawwel 175 siġra matul il-ġnubijiet ta’ din it-triq bħala parti mill-investiment ta’ €1 miljun li tħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa, favur ambjent urban isbaħ u aktar ħadrani.

Hu spjega li l-faċilitajiet pedonali u għaċ-ċiklisti li saru f’din it-triq se jkunu qed jingħaqdu wkoll mat-telgħa tal-Addolorata u ma’ faċilitajiet oħrajn abbinati mal-Marsa Junction, biex kemm jista’ jkun pajjiżna jkollu wkoll network għall-mezzi alternattivi.

Il-proġett kien ko-finanzjat minn fondi Ewropej bħala parti mill-proġett SMITHS.