Jitlesta r-restawr fit-Teatru Manoel b’fondi mill-UE

Il-proġett ta’ restawr fit-Teatru Manoel sewa €1.8 miljun u ġie ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Fi stqrrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Kultura qal li l-għan prinċipali hu li tingħata esperjenza aħjar lill-artisti u lill-udjenza tat-teatru. Ir-rinnovazzjoni wasslet għall-installazzjoni ta’ parterre boxes ġodda, ta’ twapet ġodda u parquet ġdid fil-plateau. Il-pjattaformi fil-boxes tneħħew biex tittejjeb l-aċċessibilità.
Ix-xogħol infrastrutturali kbir li sar matul din is-sena se jwassal biex matul dan l-istaġun teatrali tiġi introdotta sistema ta’ ventilazzjoni fit-teatru, induction loop system għal min hu nieqes mis-smigħ, siġġijiet ġodda u titjib tal-pit tal-orkestra.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Kultura Owen Bonnici qal li din kienet l-ewwel darba f’ħafna snin li sar investiment massiv biex jittejjeb it-teatru nazzjonali. Il-Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha li ħadmu lejl u nhar biex dan il-proġett seta’ jsir b’suċċess.
Issa li saret ir-rinnovazzjoni, it-Teatru Manoel se jiftaħ immedjatament il-bibien tiegħu għall-produzzjoni li jmiss li hi l-pantomima Alice in Wonderland bejn għada u s-7 ta’ Jannar.