Jitlesta l-proġett bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa

Qormi-San-Tumas-6-16_9

Read in English.

Infrastructure Malta lestiet il-proġett ta’ €9.5 miljun biex ittejjeb Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, ir-rotta ewlenija bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa.

Permezz ta’ dan il-proġett, l-aġenzija biddlet dawn it-toroq minn żewġ korsiji f’karreġġjata waħda għal rotta b’erba’ korsiji f’żewġ karreġġjati, b’korsija oħra għar-roti u l-mixi lil hinn mill-karozzi u b’bankini ġodda, waqfiet aktar siguri għal karozzi tal-linja, roundabouts b’inqas riskji ta’ ħabtiet u żoni ġodda msebbħa bil-pjanti u b’84 siġra ġdida.

Din ir-rotta ta’ 1.5 kilometri titlaq mir-roundabout ewlenija ta’ Ħal Luqa li tgħaqqad flimkien Triq San Tumas, Vjal l-Avjazzjoni u Triq il-Kunsill tal-Ewropa u tibqa’ sejra sar-roundabout ta’ maġenb id-dar tal-anzjani San Vincenz de Paule, bejn Ħal Luqa, Ħal Qormi u Ħal Farruġ. Din ir-roundabout tgħaqqad it-tarf ta’ Triq Ħal Qormi ma’ Triq l-Ingiered, lejn il-Marsa, u Triq Ħal Luqa, lejn Ħal Qormi.

Ir-rotta twassal għal bosta lokalitajiet, fosthom Ħal Luqa, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħal Kirkop, Ħal Safi, l-Imqabba, iż-Żurrieq, il-Qrendi u Birżebbuġa.

Infrastructure Malta issa qed tħejji biex tkompli ttejjeb din ir-rotta permezz tal-mini ta’ Ħal Kirkop and Airport Intersection Project li permezz tiegħu se toħloq żewġ mini u flyover minflok ir-roundabout ta’ ħdejn l-Ajruport, il-Gudja.