Jitlesta l-pont ta’ Ġenova sentejn wara li ġġarraf

BBC

Read in English.

Il-pont ta’ Ġenova tlesta sentejn wara li ġġarraf, fi traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ 43 persuna.

Il-Perit Renzo Piano kien dak li ddisinja dan il-pont il-ġdid. Huwa qal lill-BBC li jħossu kburi b’din il-biċċa xogħol, imma fl-istess waqt, stqarr li qatt ma jista’ jintesa l-fatt li dan il-pont inħoloq minn traġedja.

Fl-14 t’Awwissu tal-2018, maltemp qawwi ħakem il-belt Taljana, u l-Pont Morandi, li kien ilu jeżisti mill-1967, wasal biex iġġarraf.

Piano qal li meta sema’ bl-aħbar ta’ x’ġara fil-belt Ġenova minn fejn hu hu, hu kien l-Iżvizzera, u ħassu paralizzat. Spjega li għalih il-Pont Morandi kien eżempju fantastiku tal-inġinerija, imma fl-istess ħin, kulħadd kien daqsxejn imbeżża’ mill-fraġilità tal-pont. Dan peress li l-ħadid ta’ ġol-pont beda jittiekel ftit wara li nbena u kkawża xi xquq fil-konkrit. Il-ħsara tant kienet iggravat li sa tmiem id-disgħinijiet, il-kumpanija Autostrade per l’Italia bdiet tirrestawrah.

Il-pont il-ġdid fih sensors u robots li jieħdu ħsieb il-moniteraġġ tal-istruttura u jwettqu manutenzjoni bażika. L-enerġija hija provduta minn 2,000 panella solari. Id-data tal-inawgurazzjoni tiegħu għadha trid titħabbar.

Sa tmiem is-sena għandha tintemm l-investigazzjoni preliminari dwar xi kkawża t-tiġrif tal-pont.

F’Jannar li għadda, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal li l-investigazzjoni li saret fuq it-tiġrif tal-pont operat minn Atlantia wriet li kien hemm “azzjonijiet serji ta’ negliġenza li ma jistħoqqilhomx maħfra.” Min-naħa tagħha, Atlantia ċaħdet li għamlet xi ħaġa ħażina, u qalet li dejjem imxiet skont il-prassi fl-aġir tagħha.