Jitlesta l-Monument tal-Pellegrin li jwassal għal Ta’ Pinu

Fit-triq li twassal għas-Santwarju Ta’ Pinu għadu kif tlesta il-Monument tal-Pellegrin. Dan jinsab kilometru l-bogħod mis-Santwarju, u jissimbolizza l-mixja tal-pellegrin.

Il-monument huwa fi xbieha ta’ salib bil-Madonna li tifforma parti kbira fuq in-naħa t’isfel. B’idha x-xellugija, Marija tidher li qed turi t-triq, waqt li bl-id il-leminija turi ġest aktar matern u ta’ barka.

Marija hija t’eżempju għall-pellegrini kollha, għax hi kienet l-ewwel dixxiplu ta’ Ġesù. Hija tradizzjoni li għall-pellegrinaġġ Marjan, il-pellegrini jibdew il-mixja tagħhom minn postijiet differenti f’Għawdex u jitlaqgħu propju f’dan il-post fejn tqiegħed il-monument. Dan beix flimkien jimxu l-aħħar kilometru flimkien.

Il-monument hu maħdum minn ġebla taż-żonqor t’Għawdex stess, minn Raymond Bonello filwaqt li l-mużajk inħadem minn ditta taljana, fl-istess post fejn inħadmu l-mużajċi li jżejnu s-santwarju ta’ Ta’ Pinu. Is-salib hu ffurmat minn ġebel tal-qawwi li jirraprezenta t-tbatija ta’ kull pellegrin fi triqtu lejn is-saltna tas-sema. L-idea kif ukoll id-disinn huma ta’ Dun Roberto Gauci.

Dan il-monument huwa parti mill-proġett ‘Arti fit-Toroq’ tal-Ministeru t’Għawdex.