Jitlesta l-ħames ċentru tad-distribuzzjoni tal-elettriku

Enemalta plc ħabbret li lestiet ċentru tad-distribuzzjoni tal-elettriku ta’ 33 kV ġdid u binja ġdida għall-ħaddiema li jagħtu għajnuna teknika lill-klijenti.
Il-kumpanija qalet li dan l-investiment ta’ €5 miljun fl-Imrieħel qed iżid l-affidabilità u l-kapaċità taż-żona industrijali tal-inħawi u ta’ lokalitajiet oħra fil-viċin, filwaqt li jintroduċi riżorsi ġodda għal aktar minn 70 impjegati li jipprovdu għajnuna teknika lill-klijenti tal-kumpanija.
Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fl-Imrieħel huwa l-ħames minn sitt ċentri tad-distribuzzjoni li Enemalta żviluppat f’dawn l-aħħar tliet snin.
Is-sitt wieħed, f’Rikażli, wasal biex jitlesta wkoll u se jinxtegħel dalwaqt, sabiex it-total ta’ ċentri tad-distribuzzjoni ta’ 132 u 33 kV f’Malta u Għawdex jitla’ għal 26.
Iċ-ċentru l-ġdid jirċievi l-elettriku b’vultaġġ ta’ 33kV minn ċentri oħra tad-distribuzzjoni madwar il-pajjiż permezz ta’ cables mgħoddija taħt l-art.
L-installazzjoni hi mgħammra bi 33kV switchgear room li tikkontrolla l-cables li jissupplixxuh kif ukoll 15/22.5MVA transformer sabiex il-vultaġġ jitnaqqas għal 11kV. 
Fiċ-ċentru hemm ukoll 11kV switchgear room li tikkontrolla 10 feeders li jissupplixxu l-elettriku għal diversi 11kV substations fiż-żona u fil-lokalitajiet viċin, qabel ma jitwassal għand il-klijenti fil-propjetajiet residenzjali u kummerċjali tagħhom.
Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni se jsaħħaħ is-servizz tal-elettriku lill-klijenti eżistenti sew residenzjali kif ukoll kummerċjali, fiż-żona industrijali tal-Imrieħel u fl-inħawi.
Fl-istess waqt, qed jipprovdi l-kapaċità addizzjonali meħtieġa sabiex jilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ għadd ta’ investimenti industrijali u kummerċjali li qed jiġu żviluppati f’dawn l-inħawi.
Ritratt: Enemalta plc