Jitlesta l-filming kollu ta’ Fattigi

Fiċ-ċirkostanzi straordinarji li qed jaħkmu d-dinja bħalissa, ħafna sensiliet televiżivi qed jitwaqqaf il-gbid tagħhom. Kif ħabbarna diġà t-tmien staġun ta’ Division 7 mhux se jkun qed jibda kif mistenni nhar l-Erbgħa filwaqt li l-aħħar puntata ta’ Iż-Żagħka se tixxandar illejla.

Prattikalment ħafna mis-sensiliet intlaqtu minn dan il-waqfien iżda serje li se tibqa’ għaddejja għax il-filming tagħha huwa kollu lest hija Fattigi li tixxandar fuq l-istazzjon Net nhar ta’ Ħamis fid-8.45pm.

B’kollox hemm 29 puntata f’dan l-istaġun, li jekk ma jkunx hemm bdil fl-iskeda minħabba ċirkostanzi li ma jkunx hemm kontroll fuqhom, din is-sensiela se tibqa’ għaddejja sal-bidu ta’ Mejju.

Dan kollu kien ikkonfermat minn Watermelon Media, il-producers ta’ Fattigi, permezz tal-paġna Facebook ta’ Fattigi.

Intant, minn informazzjoni li ksibna jidher li hemm madwar 4 puntati oħra mis-sensiela F’Ġieħ l-Imħabba li fadlilhom x’jintwerew u madwar erba’ ġimgħat episodji tas-serje ta’ kuljum tas-sensiela Sorelle, filwaqt li għad ma hemmx data meta se jibdew il-puntati l-ġodda ta’ Ħbieb u Għedewwa li minnha ġew diġà ffilmati madwar 70 puntata.