Jitlesta investiment ta’ €3 miljun fil-Buskett

Tlesta l-proġett LIFE Saving Buskett b’investiment totali ta’ €3 miljuni li kien jinkludi fost l-oħrajn ir-restawr tal-arkati, it-tiswija ta’ ħajt tas-sejjieħ, u t-tħawwil ta’ aktar minn 3,000 siġra indiġena fil-Buskett. 
Il-Ministru għall-Ambjent Jose’ Herrera sostna li l-ħarsien tal-bijodiversità huwa vitali għax tgħin fit-tkabbir sostenibbli. 
Spjega li Malta għandha 34 sit li ntagħżlu bħala siti ta’ Natura 2000, u l-Buskett huwa wieħed minnhom. 
Il-Ministru Herrera sostna li qed isiru preparamenti għat-twaqqif ta’ Ambjent Malta bl-għan li jiġu kkoordinati sforzi relatati mal-protezzjoni tal-wirt ambjentali, u tkun responsabbli għall-ħarsien tas-siti ta’ Natura 2000, kampanja u widien.