Jitlef it-taqtiegħa mal-mewt l-Isqalli li kien involut f’inċident tat-traffiku

Ir-raġel li bħal-lum ġimgħa kien involut f’inċident tat-traffiku miet illum.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-Isqalli ta’ 29 sena, li kien joqgħod San Pawl il-Baħar, ma rnexxilux jikkumbatti mal-ħajja.
L-inċident seħħ fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, xħin xufier Ingliż ta’ 36 sena, residenti San Pawl il-Baħar, li kien qed isuq fid-direzzjoni lejn iċ-Ċirkewwa, tilef il-kontroll tal-karozza, tela’ fuq is-central strip u spiċċa fuq in-naħa opposta ta’ Triq il-Marfa, bil-konsegwenza li ħabat ma’ karozza oħra.
Fil-karozza l-oħra proprju kien hemm l-Isqalli, li dakinhar tal-inċident kellu jinqala’ minn ġol-karozza bis-saħħa tal-Membri tal-Protezzjoni Ċivili.
L-Isqalli kien ġie kkonfermat minn Mater Dei fil-periklu tal-mewt, filwaqt li x-xufier Ingliż kellu biss ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat Josette Demicoli fetħet inkjesta dwar il-każ.
Ritratt: Arkivji