Jitlef id-dawl ta’ għajnejh; kien jiekol biss chips u crisps

Gilly, Unsplash

Esperti qed iwissu dwar ir-riskju ta’ ċertu ikel, wara li żagħżugħ mir-Renju Unit tilef id-dawl ta’ għajnejh. Id-dieta tiegħu kienet iddur maċ-chips u l-crisps.

Minn meta lesta l-iskola primarja, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena kien jiekol biss patata moqlija, pringles u ħobż abjad. Xi kultant kien jinkludi perżut u zalzett fid-dieta tiegħu.

It-testijiet żvelaw li kien nieqes mill-vitamini.  Ta’ 14-il sena kien beda jmur għand it-tabib għax beda jħossu għajjien u ma jiflaħx. Dakinhar kellu nuqqas ta’ vitamini B12 u ngħata l-vitamini u ntalab biex itejjeb id-dieta. Madanakollu ma ħax it-trattament u lanqas tejjeb id-dieta, bil-konsegwenza li tliet snin wara, ittieħed fl-Isptar tal-Għajnejn fi Bristol minħabba nuqqas ta’ dawl f’għajnejh.