Jitlef ħajtu waqt il-passatemp li bih għen tant nies

Attivist tal-Fondazzjoni Alive, li ta’ kull sena kien jieħu sehem f’inizjattivi bir-rota sabiex jgħin lill-pazjenti morda bil-kanċer, miet ilbieraħ ħabta u sabta b’attakk tal-qalb waqt li kien qed isuq ir-rota.
Aldo Bonnett kien qed jipprattika d-delizzju tiegħu fi Sqallija, xħin tah l-attakk tal-qalb li ma rkuprax minnu.
Il-Fondazzjoni Alive kitbet fuq Facebook tesprimi s-sogħba tagħha, kif ukoll irrimarkat kemm Aldo kien bniedem ferrieħi u ddeikat li jmexxi l-kawża favur il-persuni bil-kanċer.

Wasslet il-kondoljanzi tagħha lill-familja tiegħu.
L-istess għamlet is-Soċjetà Dun Filippu Borgia, li tagħha Bonett kien membru fil-kumitat.

Is-soċjetà fakkret kemm Aldo kien iħobb lil Birkirkara u lil Sant’Elena tagħha, u kemm ħadem għall-festa titulari.
Il-kittieb Walid Nabhan, kollega tax-xogħol, ukoll sellem il-memorja tiegħu, u ddeskrivieh bħala ħaddiem bravu u maħbub, li ma kienx jiddejjaq mill-elementi tat-temp waqt il-ħidma, kif ukoll kien ta’ sikwit jitkellem miegħu dwar l-aħħar żviluppi fil-Palestina.

Ma naqsux ukoll il-kummenti ta' persuni li fil-passat Aldo qasam magħhom l-avventura tal-Fondazzjoni Alive għall-persuni morda bil-kanċer.