Jitlef ċurkett fir-ramel… isibu wara tfittxija onlajn

Omm li kienet qed tilgħab fir-ramel flimkien ma’ wliedha fuq bajja fl-Irlanda, skopriet xi ħaġa kurjuża għall-aħħar – ċurkett taż-żwieġ imnaqqax b’isem u d-data.

Minkejja li kienet taf li kienet se tkun diffiċli ħafna biex issib lil sidu, Ann Busch iddeċidiet li tipprova xorta waħda u b’hekk bdiet tfittxija onlajn billi tefgħet post fuq Facebook b’ritratt taċ-ċurkett. U fil-fatt ma damitx biex sabitu, għaliex Gary, sidu, lanqas biss kien ilu tliet gimgħat li tilfu meta sab il-post ta’ Ann fuq Facebook.

Gary kien qiegħed fuq bajja ma’ sħabu u martu meta nduna li kien tilef iċ-ċurkett u minkejja li pprova jfittxu ma sabux u b’hekk ħaseb li qatt ma kien se jerġa’ jarah.

Huwa kien sorpriż għall-aħħar meta ra ritratt taċ-ċurkett tiegħu fuq Facebook.

Ann esprimiet ukoll is-sodisfazzjon tagħha, kemm għaliex kienet grata li għadd kbir ta’ nies għenuha ssib lil Gary, filwaqt li kienet ferħana li sabitu u setgħet tagħti lura oġġett b’tant valur għalih.