Il-PN jitlob li l-Parlament jiltaqa’ llum

Aġġornat 07:41 PM

Il-Gvern jgħid li t-talba tal-Oppożizzjoni turi konfużjoni

Monique Agius

Read in English.

Kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Demokratiku qed jitolbu li l-Parlament jitlaqqa’ llum, fid-dawl tal-aħħar żviluppi fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Minn naħa tiegħu, il-Gvern wieġeb li t-talba tal-Oppożizzjoni turi konfużjoni”.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li t-talba ta’ Adrian Delia sabet l-appoġġ tal-Grupp Parlamentari kollu tal-PN, li tlaqqa’ b’urġenza llum biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi.

Dalgħodu, Newsbook.com.mt żvela li l-Ministru Chris Cardona ntalab imur il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal interrogazzjoni. Dan ġie kkonfermat mid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista stess is-Sibt waranofsinhar.

Il-Grupp Parlamentari tal-PN qed jesiġi li:

  • L-arrest ta’ Yorgen Fenech, “il-persuna li nqabdet ixxaħħam liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi, huwa minnufih biżżejjed biex il-Prim Ministru Joseph Muscat jerfa’ r-responsabbiltà politika u jirriżenja”. 
  • L-investigazzjonijiet li għaddejjin “għandhom ikunu ħielsa minn kull forma ta’ inkwinament. Dan ir-riskju jeżisti minħabba li persuni, inkluż il-Prim Ministru nnifsu, li huma nvoluti fl-iżvolġiment ta’ dawn l-investigazzjonijiet jistgħu jkunu huma jew nies qrib tagħhom persuni ta’ interess fl-istess investigazzjonijiet”. 
  • Il-Prim Ministru Joseph Muscat “tilef kull awtorità morali biex imexxi lill-pajjiżna, ilu għal snin twal jaħrab mir-responsabbiltajiet politiċi imma issa ma’ kull minuta li tgħaddi Joseph Muscat mhux qed jibqgħalu iżjed fejn jaħrab”. 
  • Pajjiżna qed ibati l-konsegwenza ta’ imġieba korrotta u kriminali ta’ nies viċin il-Prim Ministru, nies li l-Prim Ministru baqa’ jipproteġi sal-ġurnata tal-lum. 
  • “Malta bħalissa għandha kriżi Kostituzzjonali u istituzzjonali kbira, bla preċedent fl-istorja ta’ Malta, li ġejja mill-fatt li l-ogħla uffiċjali tal-Gvern, li suppost li qegħdin hemm biex iħarsu l-liġi, mhux talli naqsu milli jagħmlu dan talli saħansitra qegħdin jew għandhom jiġu investigati dwar allegazzjonijiet serji ta’ ksur tal-liġi”. 

Il-Grupp Parlamentari saħaq li f’dan il-mument delikat kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà fl-interess ta’ Malta, u tal-Maltin u l-Għawdxin. 

Fuq Twitter, għall-ħabta tas-2pm, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddeskriva dan bħala żvilupp preokkupanti fil-pajjiż, “f’mument delikat” u li qed isejjaħ laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari. Dalgħodu fuq NET FM, Dr Delia saħaq li l-Prim Ministru għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika.

“Joseph Muscat għandu jitlaq issa” – PD

Il-Partit Demokratiku qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jlaqqa’ sessjoni Parlamentari b’mod urġenti u li “Joseph Muscat għandu jitlaq issa”. Saħaq li l-Kamra tar-Rappreżentanti għandu jeleġġi Prim Ministru ġdid biex inaddaf “dan il-ħmieġ”.

Intant, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista se jiltaqa’ nhar it-Tnejn li ġej, bħalma jsir kull ġimgħa.

“It-talba għall-Oppożżizzjoni turi konfużjoni” – Il-Gvern

Il-Gvern wieġeb mill-ewwel għat-talba tal-Oppożizzjoni u qal li din turi l-konfużjoni li tinsab fiha l-Oppożizzjoni.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-Oppożizzjoni filli tgħid li l-Prim Ministru m’għandux jitkellem dwar il-każ, u filli trid li jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza, biex jiddiskuti l-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Gvern ikompli jgħid li “din it-talba ġejja minn Oppożizzjoni li din il-ġimgħa stess, minflok qagħdet fil-Parlament biex tagħmel dmirha, telqet ‘il barra”. Saħaq li l-Oppożizzjoni tagħmel sew jekk tħalli l-istituzzjonijiet li tant ilha tikkritika li ma jagħmlux xogħolhom, li jwettqu, kif qed jagħmlu dmirhom.

“Stat ta’ paniku u biża mill-verità” – PN

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li l-istqarrija tal-Gvern turi l-istat ta’ paniku u biża’ mill-verità li jinsab fih. Fakkar li nhar l-Erbgħa l-Oppożizzjoni talbet lill-Prim Ministru jgħid lill-Parlament hux se jkeċċi lill-Ministru u ċ-Chief of Staff tiegħu wara l-arrest tas-sid ta’ 17 Black u li dakinhar il-Prim Ministru rrifjuta li jerfa’ r-responsabbiltà politika.

Intant, il-PN ippubblika l-ittra li bagħat lill-Viċi Prim Ministru u Leader of the House Chris Fearne u lill-whips tal-Gruppi Parlamentari.